Kodiċi tal-Etika

Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prokuraturi Legali

Fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija mill-Artikolu 4(6) tal-Ordinanza tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat Ġenerali, bil-qbil tal-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, fassal il-Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prokuraturi legali li ġej fl-Uffiċċju tal-Aġenzija tal-Avukat Ġenerali li jissostitwixxi l-Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prokuraturi legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppubblikat mill-Avviż numru 90 fil-Gazzetta tal-Gvern tas-27 ta’ Jannar 2017:

Kodiċi ta’ Etika għall-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali

Artikolu 1
Għanijiet u Natura tal-Attività

  1. L-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni tal-interess pubbliku permezz tal-applikazzjoni oġġettiva tal-liġi. Huma għandhom jikkontribwixxu biex jiżguraw li l-istat tad-dritt jiġi rispettat u li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja titwettaq b’mezzi xierqa, ġusti u effiċjenti fl-istadji kollha tagħha.
  2. Il-prosekuturi huma aġenti essenzjali fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja u għandhom dejjem iżommu l-unur u d-dinjità tal-professjoni tagħhom.
  3. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, meta jwettqu dmirijiet ta’ prosekuzzjoni għandhom jaġixxu f’isem is-soċjetà u fl-interess pubbliku sabiex jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali b’mod partikolari peress li dawn huma protetti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u permezz tal-ġurisprudenza tal-Qrati ta’ Malta u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
  4. Fil-ħidma tagħhom l-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jridu jaġixxu:
    • b’indipendenza tal-ġudizzju, u
    • skont il-konvinzjonijiet tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-liġi.
  5. Il-prosekuturi jridu jaġixxu b’indipendenza u awtonomija. Il-prosekuturi jridu jiddeċiedu li jibdew jew isegwu prosekuzzjoni biss abbażi ta’ evidenza fondata li huma jemmnu b’mod raġonevoli li hija affidabbli u ammissibbli u li jipprovdu opportunità raġonevoli biex iwasslu għal kundanna.
  6. Il-prosekuturi għandhom jaġixxu b’mod oġġettiv u għandhom iqisu kif xieraq is-sitwazzjoni tal-persuna suspettata, tal-vittmi u taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha irrispettivament minn jekk dawn ikunux għall-vantaġġ jew għall-iżvantaġġ tal-persuna suspettata. Huma għandhom iżommu d-dokumenti u l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħhom kunfidenzjali sakemm ir-rwol tagħhom jew l-interessi tal-ġustizzja ma jirrikjedux mod ieħor.

Artikolu 2

Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet pubbliċi involuti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali

Il-prosekuturi għandhom jikkooperaw mal-Pulizija, mal-Qrati, mal-professjoni legali u ma’ aġenziji u istituzzjonijiet pubbliċi oħra sabiex jiġu żgurati l-ġustizzja u l-effettività tal-prosekuzzjonijiet.

L-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom jimpenjaw ruħhom, meta jintalbu, li jirrikonċiljaw id-differenzi legali li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien bejn il-fergħat differenti tal-amministrazzjoni pubblika involuti fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali

Artikolu 3

Awtonomija, Indipendenza u Trasparenza

  1. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar kwistjonijiet legali bejn Avukat jew Prokuratur Legali li jkun qed imexxi prosekuzzjoni u s-superjur tiegħu, dak l-Avukat jew Prokuratur Legali jista’ jirriferi l-kwistjoni lill-Avukat Ġenerali sabiex jagħti deċiżjoni bil-miktub.
  2. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil radikali mad-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali, l-Avukat jew il-Prokuratur Legali kkonċernat jista’ jitlob li jiġi sostitwit fil-patroċinju tal-kawża.

Artikolu 4

Kunflitt ta’ Interess

  1. Avukat jew Prokuratur Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma għandux jingħata l-kompitu ta’ prosekuzzjoni:
    • jekk ikollu xi interess fl-eżitu;
    • jekk il-konjuġi jew il-koabitant tiegħu jew kwalunkwe persuna relatata miegħu sar-raba’ grad, ikollu interess fil-proċedimenti;
    • jekk ikun f’sitwazzjoni li tagħti lok għal nuqqas ta’ imparzjalità.
  2. Fil-każ li Avukat jew Prokuratur Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jqis li hemm raġunijiet prattiċi li jillimitaw l-involviment tiegħu fi prosekuzzjoni, huwa jista’ jitlob lill-Avukat Ġenerali biex jiġi sostitwit.

Artikolu 5

Ordni tax-Xogħol

  1. L-avukati jew il-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom jorganizzaw il-ħidma tagħhom b’tali mod li jagħtu prijorità lil dik il-ħidma li huma jaħsbu li tkun aktar utli għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali, filwaqt li jqisu wkoll il-kobor u l-urġenza tal-kwistjonijiet.
  2. F’każ li l-Avukati jew il-Prokuraturi Legali jirrealizzaw li ma jistgħux ilestu x-xogħol fiż-żmien meħtieġ, huma jridu jinfurmaw lid-Deputat Avukat Ġenerali jew uffiċjal ieħor inkarigat mit-taqsima tagħhom fl-uffiċċju fejn jaħdmu u jridu jinfurmawh dwar id-diffikultajiet li jirriżultaw mill-eċċess tal-assenjazzjonijiet tax-xogħol u dwar kwalunkwe konċentrazzjoni mhux tas-soltu ta’ limiti minimi.
  3. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jridu jġibu ruħhom mal-kollegi b’mod li juri lealtà u modi tajbin u b’mod li juri d-disponibbiltà għall-għajnuna u s-solidarjetà.
  4. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom iżommu relazzjonijiet kordjali u kooperattivi mal-persunal amministrattiv u klerikali u ma’ impjegati oħra fl-uffiċċju. Huma għandhom jieħdu ħsieb ukoll il-proprjetà fdata lilhom għax-xogħol tal-uffiċċju.
  5. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom ikunu preżenti fl-Uffiċċju skont ir-rekwiżiti tax-xogħol u skont il-ħinijiet tal-uffiċċju b’mod li jkun kompatibbli mal-ħtieġa tal-preżenza tagħhom quddiem il-Qrati u esiġenzi oħra tas-servizz tagħhom.
  6. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom jikkollaboraw mal-Maġistrati u l-Imħallfin matul is-seduti ta’ smigħ tal-każijiet li jkollhom patroċinju tagħhom u għandhom jiżguraw li jkunu preżenti għas-seduti b’mod puntwali.
  7. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom jieħdu ħsieb li jidhru fl-Uffiċċju u matul is-seduti tal-qorti u għandhom iġibu ruħhom b’mod li ma jiskreditax lill-Uffiċċju.

Artikolu 6

L-imparzjalità u t-trasparenza fl-assenjazzjoni tax-xogħol

Avukati u Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li xogħolhom jinvolvi l-koordinazzjoni u l-għoti ta’ direzzjonijiet lil Avukati jew Prokuraturi Legali oħra għandhom kemm jista’ jkun jassenjaw ix-xogħol b’mod ekwu u b’mod li jippermetti, kemm jista’ jkun, ugwaljanza ta’ opportunità fit-teħid tal-aktar prosekuzzjonijiet importanti.

Artikolu 7

Imġiba inaċċettabbli

  1. Avukati u Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju Ġenerali li l-ħidma tagħhom ma tinvolvix l-assenjazzjoni ta’ xogħol lil Avukati jew Prokuraturi Legali oħra ma għandhomx jinterferixxu fl-assenjazzjoni tax-xogħol lil kollegi oħra sakemm, jekk ikun meħtieġ, sabiex jittrattaw il-prosekuzzjonijiet assenjati lil kollegi oħra meta dawn tal-aħħar ikunu għal xi raġuni indisposti.
  2. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma għandhomx jitolbu ħatriet jew pożizzjonijiet personali għalihom infushom ħlief kif jista’ jkun permess mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali nnifsu jew mil-liġi.
  3. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma għandhomx jaċċettaw rigali jew favuri personali minn kollegi jew minn impjegati oħra tal-Uffiċċju għajr dawk mogħtija skont id-drawwa (bħal fil-każ ta’ anniversarju jew irtirar jew tluq mill-Uffiċċju) jew dawk ta’ valur minimu.

Artikolu 8

L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom iwettqu l-imġiba tagħhom fil-komunikazzjonijiet barra mill-Uffiċċju u l-ħidma tagħhom b’għarfien u riżerva, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġi evitat it-tixrid ta’ informazzjoni li tippreġudika l-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali.

Artikolu 9

Taħriġ u aġġornament

  1. L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandu jieħu ħsieb li t-taħriġ formali u prattiku meħtieġ, inkluż it-taħriġ dwar l-etika u l-integrità, jingħata lill-Avukati u l-Prokuraturi Legali li jaħdmu fl-Uffiċċju.
  2. L-avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali għandhom jieħdu ħsieb li jżommu ruħhom aġġornati professjonalment sabiex ikunu jistgħu jiżguraw livell għoli ta’ servizz fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali.

Artikolu 10

Responsabbiltà Dixxiplinari

In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi ta’ Etika min-naħa tal-Avukati u l-Prokuraturi Legali fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jikkostitwixxi reat dixxiplinari.

L-akkużi għal reati dixxiplinari għandhom jiġu ttrattati b’mod li jiżgura r-rispett għad-drittijiet tad-difiża u l-indipendenza u l-imparzjalità fid-deċiżjoni.

27 ta’ Diċembru 2019